Friday 15 March 2013

Kemm huwa faċli li bniedem jintefa fuq il-keyboard u jagħfas it-tipi, il-kliem jibdew jinbnew mill-ideajat li joħorġu ... iżda l-importanti hu, dawk il-ħsibijiet, kemm huma validi u maħsubin, kemm huma qaddisa u ġenwini ?  Qabel il-Konklavi kienu ħafna dawk il-kurrenti kiesħa li kienu qed jiċċirkulaw ma’ Malta kollha permezz tal-medja; e-mails, taħditiet ta’ opinjonijiet, korrispondenza, programmi sħaħfuq it-televiżżjoni u r-radju. 

Nibdew bl-e-mails; ħarġet l-idea li taddotta Kardinal. Huwa tajjeb li titlob, iżda mhux għal dak il-Kardinal partikulari biss, imma, għall-Kulleġġ kollha tal-Kardinali.    Programmi ta’ opinjonijiet fuq it-televiżżjoni forsi kienu l-aktar li għamlu ħsara, mhux għall-Papa elett, iżda minħabba ż-żerriegħa li nxterdet, ormaj, ilha tinxtered, ukoll minn opinjonijiet li taw ċerti Saċerdoti. Kemm hija ħaġa ta’ stmellija, tal-biki, li tisma’ Saċerdot jistqarr li l-Papa l-ġdid għandu jikkunsidraw li jwarrab iċ-ċelebat, u li hu personalment (dak li kien qed jitkellem), lest li kieku jiżżewweġ. Tgħiduli, dik hija opinjoni. Hekkhu.

Iżda, f’ġieħ is-sewwa, ma nippretendix kummenti bħal dawn min-nies li suppost moħħhom miftuħ, li studjaw, li jafu l-Istorja tal-Knisja, li suppost huma ‘Alter Christus’. Jien min jien biex nazzarda nissuġġerixxi, jew nuri xewqa kif għandu jkun il-papa l-ġdid? Qatt ma waqafna naħsbu li l-Papa Franġisku ilu magħżul minn Alla mill-eternita? Qatt ma qallha lill-kongregazzjoni, dan l-individwu, u oħrajn, waqt xi omelija tal-Ħadd. Papa Franġisku ilu mill-eternita magħżul, bl-isem li għażel b’kollox. L-Argument hu li huwa l-Ispirtu s-Santu li jnebbaħ l-imħuħ tal-Kardinali, biex iwarrbu ċerti preferenzi, kwalitajiet, gosti, nteressi personali … sakemm huma jaslu f’dak l-istat li moħhom ikun qed jiffunzjona, jaħdem fuq l-istess frekwenza ta’ l-Ispirtu s-Santu. Imbagħad joħroġ ‘id-duħħan l-abjad.’

Jien min jien, lanqas biss nazzarda naħseb li għandi nagħti opinjoni. Minn dak kollu li smajt, qrajt u nkwetani minħabba l-faqar ta’ l-ispirtu veru kristjan, kelli konsolazzjoni waħda biss; daqs jumejn qabel l-għażla waqt li qed insegwi program fuq TV2000, ċemplet persuna u qalet li kienet qed titlob ‘l Alla li jkollna Papa li jimxi fuq il-passi ta’Franġisku ta’ Assisi biex jerġa’ jibni l-Knisja Tiegħu. Kienet telefonata providenzjali, anzi, profetika.

Għall-grazzja t’Alla Papa Franġisku jidher li hu mżejjen b’umilta u sempliċita kbira, IŻDA, aħna lkoll għandna bżonn li nimitaw dawn iż-żewġ virtujiet.  Nevitaw li nikkumentaw li issa wasal Papa kbir u qaddis, karismatiku u mexxej kbir. Iva, nemmen li hekk hu. IŻDA, kull Papa li kellna, għall-grazzja t’Alla, kien qaddis, kbir u kariżmatiku u mexxej kbir. Kollha kienu differenti minn xulxin bħala karattru. Hija prużunzjoni li ngħidu li, għax Papa Emeritus Benedittu rreżenja, b’sens ta’ rġulija… ergo hekk imissu għamel Papa Ġwanni Pawlu II meta kien marid. Min jikkumenta hekk huwa minħabba li ma jafx x’ġid spiritwali kbir ħareġ mill-eżempju ħaj dak iż-żmien ta’mard, ma jafx kemm saru konverżjionijiet. Hemm elf ħaġa oħra xi tgħid.

Fl-aħħar irrid nuri l-qbil tiegħi ma’ dawk li qalu li possibilment ma għandux jissejjaħ ‘Petrus Romanus’ għax dan it-titolu jista’ jkun interpretat (…u, Alla jbierek ħafna huma kapaċi jinterpretaw) b’mod falz, ħażin u allarmanti għal min hu dgħajjef jew sajjem fit-Tagħlim. Nappella lil kulħadd biex ningħaqdu fi spirtu kristjan u nitolbu għall-maħbub Papa Franġisku, kif dejjem tlabna qabel, mhux biex Alla jagħtih is-saħħa, iżda biex jingħaqad aktar u aktar ma’ Kristu, fil-qdusija biex ikun ta’dawl għalina. Nawguraw, lill-maħbub Ragħaj, li jesperjenza it-Trasfigurazzjoni tiegħu; sinjal li jkun wasal fil-quċċata tal-qdusija.  Amen. 

Tony Mahoney

No comments:

Post a Comment